Waqt żjara fid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, Alicia Bugeja Said rat l-investiment ġdid li twettaq fid-Dipartiment bil-għan li jkompli jitjieb l-ambjent għall-annimali li jkunu qed jingħataw kenn u kura, filwaqt li ġew introdotti faċilitajiet u tagħmir ġdid li qed jgħin lill-ħaddiema jwettqu xogħolhom b’mod aktar effiċjenti.
Bħala parti minn dan l-investiment, ġew installati 13-il kennel ġdid sabiex ikompli t-tisħiħ tal-faċilitajiet disponibbli għall-klieb li jkunu fil-kura tad-Dipartiment. Dan l-investiment qed jikkontribwixxi għal ambjent aktar adegwat għall-ħtiġijiet tal-annimali u jgħin biex il-faċilità tkun tista’ tilqa’ aħjar għad-domanda u għall-ħidma ta’ kuljum.
Ġew installati wkoll sistemi tal-arja kkundizzjonata fiż-żoni fejn jinżammu l-qtates. Din il-miżura hija partikolarment importanti matul ix-xhur tas-sajf, meta t-temperaturi għoljin jistgħu joħolqu aktar diffikultajiet għall-annimali li jkunu qed jinżammu fil-faċilità.
Sar ukoll investiment f’makkinarju u tagħmir ġdid, fejn filwaqt li qed jtejjeb l-ambjent għall-annimali, qed jassisti lill-ħaddiema fil-kura u l-ħarsien tal-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said, qalet li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa favur il-ħarsien xieraq tal-annimali. “Meta ninvestu fil-faċilitajiet tagħna, inkunu qed ninvestu direttament fil-kwalità tal-kura li tingħata lill-annimali. Dan l-investiment mhux biss qed jipprovdi ambjent aħjar u aktar adattat għall-annimali, iżda qed jagħti wkoll lill-ħaddiema tagħna għodod u faċilitajiet aħjar biex ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma importanti tagħhom. Se nkomplu ninvestu b’mod konkret sabiex ngħollu l-istandards fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali,” qalet is-Segretarju Parlamentari.
Id-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali Dennis Sciberras spjega li l-investiment qed ikollu impatt dirett kemm fuq il-ħidma ta’ kuljum kif ukoll fuq il-kundizzjonijiet li fihom jinżammu l-annimali. “Il-ħaddiema tagħna jagħmlu xogħol kontinwu biex l-annimali fil-kura tagħna jingħataw l-aħjar attenzjoni possibbli. It-13-il kennel ġdid, l-arja kkundizzjonata għaż-żoni tal-qtates u t-titjib fil-makkinarju se jgħinuna nkunu aktar effiċjenti u, fuq kollox, noffru ambjent aħjar lill-annimali li jkunu taħt il-kura tagħna,” qal is-Sur Sciberras.
Dan l-investiment ikompli jibni fuq il-ħidma li qed issir biex jissaħħu l-faċilitajiet u s-servizzi marbuta mal-ħarsien tal-annimali, filwaqt li jiġu pprovduti kundizzjonijiet dejjem aħjar kemm għall-annimali kif ukoll għall-ħaddiema li ta’ kuljum huma impenjati fil-kura u l-benesseri tagħhom.